Ktieb ġdid!




Bil-Malti għall-ewwel darba
 The Kappillan of Malta ta’ Nicholas Monsarrat
tradott għall-Malti minn Wistin Born
editjat minn Mark Montebello

 

Ħareġ għall-bejgħ dal-ktieb ġdid li hu doppjament opra t'arti: ta' Nicholas Monsarrat u ta' Wistin Born. Huwa xogħol li fih storja interessanti. Ġimgħa biss qabel mal-kumpanija Rediffusion, fl-1975, bdiet it-tmiem tagħha f’Malta, il-qarrej popolari Charles Arrigo kien spiċċa jaqra rumanz li s-semmiegħa kollha ssaħħru warajh. Dan kien Il-Kappillan ta’ Malta tar-rumanzier magħruf Ingliż Nicholas Monsarrat, ippubblikat għall-ewwel darba fl-1973. It-traduzzjoni għall-Malti kienet ta’ Wistin Born, l-awtur magħruf ta’ Is-Salib tal-Fidda, li ttraduċa r-rumanz anqas minn sena minn meta kien ġie ppubblikat l-ewwel darba.

Din it-traduzzjoni kienet l-aħħar biċċa xogħol kbira li Born għamel għax-xandir nazzjonali. Meta, fi Frar tal-1975, ġimgħa biss wara li Arrigo spiċċa jaqra Il-Kappillan ta’ Malta, il-kumpanija Ngliża Rediffusion u l-General Workers Union daħlu fi nkwiet industrijali. Fi tmiemu, il-gvern temm il-kuntratt tar-Rediffusion u ħa f’idejh is-servizz li kien jagħti. Born, wara li flimkien mal-kollegi tiegħu ġie miżmum milli jidħol jaħdem, ġie mkeċċi mis-servizz tax-xandir u lanqas biss tħalla jiġbor l-affarijiet personali tiegħu mill-uffiċċju li kellu. Dak kien it-tmiem tal-karriera twila tiegħu fix-xandir pubbliku.

Minn dak iż-żmien sal-lum, il-manuskritt bit-traduzzjoni ta’ Born baqa’ msakkar u mistur għal madwar 50 sena sħaħ f’arkivju Tas-Sliema li kien tal-kongregazzjoni reliġjuża tiegħu, l-Ordni Dumnikan. Il-manuskritt sħiħ, magħmul minn żewġ volumi kbar ittajpjati, qatt ma ġie mogħti għall-pubblikazzjoni. Issa, bil-permess tal-werrieta ta’ Monsarrat u ta’ Born, dan se jiġi ppubblikat mis-Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS) fil-verżjoni oriġinali tiegħu, editjat minn Mark Montebello, li hu wkoll membru tal-Ordni Dumnikan. Il-pubblikazzjoni se tinkludi daħla estensiva u riċerkata fuq il-ħajjiet ta’ Monsarrat u ta’ Born, kif ukoll stħarriġ fuq ir-rumanz innifsu u t-tiswir tiegħu.

Il-pubblikazzjoni tagħti ġieħ lit-talenti letterarji ta’ Monsarrat daqskemm ta’ Born. Ir-rumanż―li ġie maqlub għal diversi ilsna, fosthom il-Ġermaniż, il-Franċiż, l-Ispanjol u l-Portugiż, u nbigħ bil-miljuni―mhux biss joħroġ is-sbuħija tal-istil, il-viżjoni wiesgħa, l-ħakma letterarja u r-riċerka kbira ta’ Monsarrat, imma wkoll, ma’ dan kollu, il-ħila ta’ Born, il-ħakma tiegħu fuq l-ilsien Malti, it-terminoloġija tiegħu u s-sensibbiltà tiegħu għall-kuntest Malti.

Il-Kappillan ta’ Malta huwa opra t’arti ta’ Monsarrat, imma wkoll opra t’arti ta’ Born. Bix-xogħol li għamel fuq dan ir-rumanz, Born ma ttraduċiex b’mod litterali. Meta wieħed iqabbel iż-żewġ verżjonijiet―dik oriġinali ta’ Monsarrat u dik bit-traduzzjoni ta’ Born―mill-ewwel joltqu l-fatt li qishom żewġ adattazzjonijiet tal-istess film. Mhumiex wieħed aħjar mill-ieħor, imma t-tnejn għandhom il-merti rispettivi tagħhom. Kull verżjoni għandha siwi għaliha u fiha nnifisha. Wieħed jagħraf ukoll li, meta ġie biex jittraduċi r-rumanz―mhux biex jinqara mill-pubbliku, iżda biex il-pubbliku jisimgħu fuq ir-Rediffusion―Born ta attenzjoni speċjali biex il-kitba tkun mexxejja kemm jista’ jkun, biex titpaxxa l-widna u biex jgħin il-fehma ħafifa ta’ partijiet kumplessi. Issa li dax-xogħol se jiġi ppubblikat fi ktieb, dan kollu ma jintilifx. Bil-maqlub, huwa jagħti ġmiel u sbuħija speċjali li toħroġ aħjar meta wieħed ikollu l-ktieb f’idejh u jaqrah bil-kwiet.

Għalkemm il-figura ċentrali ta’ The Kappillan of Malta hija qassis, fil-fatt il-protagonist huwa l-poplu ta’ Malta u Għawdex. Qabel ma kiteb ir-rumanz, Monsarrat kien għamel mal-ħames snin jgħix fostna ġewwa r-raħal ta’ San Lawrenz f’Għawdex. F’dan iż-żmien, huwa fela l-ħajja, id-drawwiet u l-istorja tagħna l-Maltin. Ir-rumanz, aktar milli sempliċiment ħlieqa letterarja, hu bħal att ta’ għożża, kważi ta’ mħabba, għall-poplu Malti u Għawdxi. Mingħajr ma nesa l-ħmerijiet u l-istramberiji tagħna l-Maltin, iżda wkoll is-sabiħ tagħna, Monsarrat ħafna drabi jagħti qisu xbieha antropoloġika tal-poplu li għex miegħu iżda li ma kienx parti minnu.

L-isfond tar-rumanz huwa t-Tieni Gwerra Dinjija, żmien ta’ għawġ, kruha u sogħba bla qies għall-poplu Malti. Filwaqt li jġib għall-attenzjoni tal-pubbliku t-tbatijiet terribbli ta’ dak l-avveniment tal-waħx, Monsarrat jgħaqqad din l-istorja l-kbira ma’ ħafna stejjer żgħar li għexu n-nies ordinarji fl-istess żmien. Dawn l-istejjer joħorġu l-kobor daqskemm iċ-ċokon ta’ min għadda mill-ħajja ta’ gżira assedjata bla ħniena għal madwar tliet snin sħaħ. Barra minn hekk, billi jżur ukoll stejjer oħra magħrufa tal-ġrajja Maltija―ngħidu aħna, in-nawfraġju ta’ San Pawl, il-miġja tal-Konti Ruġġieru, l-Assedju l-Kbir, l-okkupazzjoni Franċiża, u l-bqija―Monsarrat jinseġ mat-3,000 sena ta’ storja f’rakkont wieħed. Fiha juri l-qawwa tal-karattru Malti u Għawdxi.

Dan kollu lil Born niżillu għasel, li, hekk kif qara r-rumanz fl-ewwel edizzjoni tiegħu malli ħareġ, mill-ewwel iddeċieda li joffrih bil-Malti lill-eluf t’abbonati tar-Rediffusion fid-djar tagħhom. Kien hemm affarijiet oħra li għoġbu lil Born fir-rumanz, bħal, ngħidu aħna, l-istil romantiku tiegħu, ukoll jekk ftit qadim għal żmienu; it-tiġrib tal-qassis Dun Salv, il-figura ċentali tar-rumanz, li Born seta’ jilmaħ lilu nnifsu fih; u mhux anqas il-ġrajjiet koroh tal-gwerra, li Born għadda minnhom personalment, għalkemm b’mod differenti minn Monsarrat. Dak biss li Born rattab xi ftit kienu l-partijiet kemxejn sesswali tar-rumanz, li issa reġgħu ġew imqiegħda kif ħallihom Monsarrat fl-oriġinal.

Il-biċċa l-kbira tal-kitbiet letterarji ta’ Born qatt ma ġiet ippubblikata. Dawn jgħoddu mal-eluf, u jinkludu poeżiji, rumanzi, studji akkademiċi, omeliji u diskorsi, kif ukoll għadd bla qies ta’ radjudrammi u drammi għall-palk. Fi żmienu, tul il-ħamsinijiet u s-sittinijiet tas-seklu l-ieħor, Born kien personalità magħrufa sew fuq ir-radju u fix-xandir pubbliku, kif ukoll bħala direttur tal-palk. Għal ħafna snin kien il-qalb u r-ruħ tar-Rediffusion. Is-sala De Porres f’Tas-Sliema, li waqqaf hu stess fl-1957 mhux mingħajr kontroversji, kienet iċ-ċentru tal-attività artistika tiegħu.

Illum, Born hu l-aktar magħruf għar-rumanz mill-isbaħ tiegħu, miktub fl-1935, Is-Salib tal-Fidda, storja ta’ mħabba li għal żmienha kienet meqjusa xi ftit taħraq iżżejjed. Sa mill-ewwel pubblikazzjoni erba’ snin wara, dar-rumanz għadda minn seba’ edizzjonijiet oħra, ġie tradott għall-Ingliż (minn Godwin Ellul bl-isem The Silver Crucifix), ħareġ bħala fotorumanz, ġie adattat għall-palk mill-anqas darbtejn, wieħed minnhom immużikat, kif ukoll ġie maqlub għal serje televiżiva.

Madanakollu, Wistin Born innifsu ma tantx hu magħruf sew. Il-pubblikazzjoni l-ġdida tal-SKS, Il-Kappillan ta’ Malta, se jkollha dik li aktarx hi l-ewwel bijografija sħiħa ta’ Born. Imwieled fl-1910, kien in-neputi ta’ ħaddiem tat-tarzna Ingliż minn Devonshire li ġie Malta madwar l-1873. Fl-1926, Born issieħeb mal-Ordni Dumnikan, u ħa l-quddiesa fl-1933. Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija huwa kien kappillan militari, jaqdi dmirijietu mas-suldati fuq il-batteriji tal-kanuni. Wara, huwa kellu karriera sabiħa fil-midja tal-massa. Miet fl-1986 ta’ 76 sena.

It-traduzzjoni ta’ Wistin Born ta’ The Kappillan of Malta ta’ Nicholas Monsarrat, li issa ġiet ippubblikata fil-verżjoni oriġinali u sħiħa tagħha, tiċċelebra, fuq kollox, l-ispirtu qatt mirbugħ li jinsab f’kull wieħed u waħda minna. Minkejja li l-ħajja tista’ tkun―u, ħafna drabi, hi―iebsa u qalila, ħadd minna m’għandu jħalli l-indifferenza u l-hemm tagħha jkissruh jew jaqtgħulu qalbu. Kemm Monsarrat, kif ukoll Born, huma xhieda personali ta’ kemm l-ispirtu uman jista’ jkun qawwi u, fl-aħħar mill-aħħar, rebbieħ. L-opra t’arti li ħadmu flimkien tagħti ġieħ lill-ħajja u l-qawwa tal-imħabba, u hi ġawhra tal-letteratura Maltija.


No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever